Thursday 2nd June 2011
Equestrian Festival 2011 – Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2011


It-tieni edizzjoni tal-Equestrian Festival se ssir fil-korsa tal-Marsa nhar il-Ħadd 5 ta’ Ġunju u f’dan il-Festival se naraw numru ta’ attivitajiet konnessi maż-żwiemel għall-familja kollha.

Din se tkun ċelebrazzjoni tad-dixxiplini differenti fil-qasam taż-żwiemel li jiġu pprattikati f’Malta. Il-programm jinkludi diversi attrazzjonijiet kemm għaż-żgħar kif ukoll għall-kbar, li juru lill-pubbliku l-grazzja, l-aġilità u l-ħeffa taż-żiemel kif ukoll il-ħila tar-rikkieb.

Wara s-suċċess tal-“pre-event” li sar dan l-aħħar u li fih aktar minn 1,000 tifel u tifla ħadu pjaċir isewgu programm varjat li kien jinkludi tiġrijiet tal-ponijiet, gymkhana, wirja ta’ BMX, sessjoni ta’ Zumba, u l-parteċipazzjoni tac-Champion tal-Isparar William Chetcuti, nhar il-Ħadd 5 ta’ Ġunju, il-korsa tal-Marsa se tkun imżejjna għall-okkażżjoni biex tipprovdi sfond mill-isbaħ għal ġurnata sħiħa ta’ attivitajiet konnessi maż-żwiemel.

Il-programm se jibda’ fis-7 ta’ filgħodu bit-tiġrijiet tal-Ponijiet, segwit minn ċerimonja tradizzjonali ta’ Tberik taż-żwiemel u annimali fid-9am. Wara jkun hemm wirijiet ta’ sports ekwestri diversi bħad-Dressage u Quadrille filwaqt li ser tintlagħab l-aktar logħba mistenija tal-Polo, għal dan l-istaġun, fejn timijiiet bl-aqwa 8 plejers fix-xena lokali ser jikkompetu għall-Cawnpore cup.

Se ssir ukoll parata bir-rikkieba u l-bnadar.

Wara nofsinhar, l-attrazzjoni prinċipali tkun tikkonsisti f’diversi tipi ta’ tiġrijiet għal ponijiet, żwiemel tat-trott u żwiemel tal-galopp, u l-festival jintemm għall-ħabta tas-5.45pm.

Filwaqt li d-dilettanti taż-żwiemel żgur japprezzaw id-dixxiplini differenti li se jiġu pprattikati, dawk li ma tantx huma midħla tad-dinja taż-żwiemel se jkollhom l-opportunità li jsegwu varjetà ta’ attivitajiet sportivi li forsi sal-lum ma tantx raw bħalhom, li japprezzaw il-ħila u t-taħriġ taż-żwiemel u r-rikkieba, kif ukoll is-sinerġija li teżisti bejn il-bnedmin u ż-żwiemel f’dawn id-dixxiplini sportivi.

Iżda minbarra dawn l-attivitajiet sportivi, dan il-festival huwa intiż biex joffri ġurnata pjaċevoli u innovattiva barra għall-arja għall-familja kollha u l-korsa tal-Marsa se toffri faċilitijiet mill-aqwa ta’ ikel u xorb kif ukoll atmosfera ferm adattata għat-tfal.

Kulħadd huwa mistieden li jipparteċipa f’din l-inizjattiva nazzjonali li qed tiġi organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport, bil-kollaborazzjoni tal-Malta Racing Club, il-Malta Equestrian Federation u l-Malta Polo Club. Ir-rikkieba tad-Dressage huma kollha membri tal-Pegasus Riding Club, filwaqt li l-ispettaklu tal-Quadrille ser ikun imtella’ mill-Malta Nights Extravaganza.

Wieħed jista’ jattendi għall-ġurnata kollha jew almenu jsegwi uħud mill-attivitajiet, u japprezza l-versatilità ta’ dan l-annimal ġentili, li jsir tant aġili, ħafif u mimli talent f’ambjent sportiv.

Il-biljetti se jiġu offruti bil-prezz speċjali mraħħas ta’ Euro2.50 għall-ġurnata kollha. Il-karozzi tal-linja li jwasslu għall-korsa jinkludu fost l-oħrajn in-numri 88, 89 u 91.