Tuesday 4th April 2023
Finali BOV Tazza l-Kbira


Is-sidien taż-żwiemel finalisti li qed jipparteċipaw fl-edizzjoni tal-2023 tal-BOV Tazza l-Kbira aktar kmieni llum tellgħu n-numri li se jiddeterminaw il-pożizzjoni tat-tluq taż-żiemel tagħhom fil-finali tal-aktar unur prestiġjuż fil-kalendarju lokali tat-tiġrijiet tat-trott.


 


Dan seħħ waqt konferenza stampa msejħa għall-okkażjoni li kienet indirizzata mill-Kap tas-CSR Dept fi ħdan il-Bank of Valletta, Charles Azzopardi, il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome Matthew Brincat.


 


Kemm is-Sur Demanuele kif ukoll Dr Brincat faħħru u rringrazzjaw lill-Bank of Valletta talli għal darb’oħra reġgħu ssieħbu mat-tiġrijiet taż-żwiemel lokali permezz tal-appoġġ tagħhom għall-BOV Tazza l-Kbira. Huwa xieraq li trofew daqshekk importanti u prestiġjuż ikollu l-appoġġ ta’ organizzazzjoni bħall-Bank of Valletta. It-tnejn li huma awguraw ukoll tiġrija mill-aqwa lill-parteċipanti kollha u enfasizzaw li s-sigurtà trid tiġi l-ewwel u qabel kollox anke jekk xi drabi l-eċċitament tal-mument ikun diffiċli tikkontrollah.


 


‘It-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta jgawdu minn segwaċi ġenwini u appassjonati u jiffurmaw parti integrali mill-wirt kulturali għani ta’ Malta’, qal Charles Azzopardi. ‘Nieħdu din l-opportunità biex nawguraw l-aqwa prestazzjoni lill-finalisti kollha u nħarsu ‘l quddiem għal spettaklu sportiv ieħor bħala organizzazzjoni li tappoġġja inizjattivi sportivi ewlenin f’Malta f’konformità mal-impenn tal-Bank of Valletta lejn il-komunità li jopera fiha’.


 


Il-finali tal-BOV Tazza l-Kbira se ssir waqt il-laqgħa ta’ tiġrijiet tas-16 t’April u qed nistennew ġurnata ta’ divertiment għall-familja kollha li apparti l-ispettaklu tat-tiġrijiet taż-żwiemel se tinkludi show tal-muturi Harley Davidson kif ukoll wirja ta’ karozzi klassiċi Mercedes Benz.


 


Il-kompetizzjoni tinġera fuq id-distanza ta’ 2640m u l-aqwa ħin medju li wieħed ġħandu jegħleb huwa dak irreġistrat is-sena l-oħra minn Charming Soldier – 1’13”5 li huwa wkoll ir-rekord nazzjonali fuq din id-distanza. Interessanti li Charming Soldier se jkun qiegħed fost il-finalisti sabiex jiddefendi t-titlu. Miegħu hemm ukoll tlett iżwiemel oħra li kienu fil-finali 2022 – Doudou de Bouere li kien spiċċa fit-tielet post kif ukoll Dunbar u Infinite Knight.


 


Qabel it-tiġrija ikun hemm il-parata taż-żwiemel finalisti li fiha se jkunu mgħottija b’għotjien tal-okkażżjoni li flimkien man-numri personalizzati jibqgħu ta’ tifkira għas-sidien. Din il-parata se titmexxa miż-żiemel rebbieħ fis-sena 2021 Antoine du Bourg.


Filwaqt li s-sid tar-rebbieħ jiġi ppreżentat bil-BOV Tazza l-Kbira, huwa se jingħata wkoll trofew sabiħ maħdum bl-idejn u għata kommemorattiva għaż-żiemel. Jingħataw ukoll trofej lil dawk li jispiċċaw fit-tieni, tielet, raba’ u ħames post. Hekk kif jixraq l-aqwa kompetizzjoni tas-sena, t-total ta’ premjijiet fil-finali se jammonta għal €8250.


 


Dawn huma l-finalisti u s-sewwieqa tagħhom bin-numri li bihom se jibdew il-finali:


 


1.     DOUDOU DE BOUERE (Jean Claude Pace)


2.     AROS LINE (Marvic Bugeja)


3.     CHARMING SOLDIER (Paul Galea)


4.     LIAM DANA (Charles Camilleri)


5.     LUCKY GUY BOKO (Ludvic Ghigo)


6.     SIR Q.C. (Julian Farrugia)


7.     RALLY HANS (Marco Refalo)


8.     CRACK MONEY (Michael Ellul)


9.     DUNBAR (Redent Magro)


10.INFINITE KNIGHT (Charles Degiorgio)


11.DZAROF DE GUEZ (Claudio Refalo)


12.GLOBAL UNDECIDED (Rodney Gatt)


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Coordinator


Malta Racing Club


 


MRC/05/23