Wednesday 2nd November 2022
EquestriMalta Tazza tal-President

 


It-tieni l-aqwa unur fil-kalendarju tat-trot Malti hija t-Tazza tal-President li bħas-sena l-oħra qed terġa tkun appoġjata finanzjarjament mill-Awtorità tal-isport ekwestru EquestriMalta.


 


Kemm iċ-Chairman ta’ din l-Awtorità l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi kif ukoll il-Kap Eżekuttiv Max Zammit saħqu li huwa ta’ unur li EquestriMalta tassoċja ruħha ma’ kompetizzjoni li apparti li hi tal-ogħla livell u toffri spettaklu sservi wkoll sabiex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation li hija entità li toffri sostenn lill-popolazzjoni ta’ Malta fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjithom. Filwaqt li awguraw lill-finalisti għamlu wkoll l-appell tagħhom għall-ġenerożità tas-sidien u l-pubbliku għalkemm ma għandhom l-ebda dubju minn dan peress li fl-edizzjonijiet preċedenti kemm il-pubbliku kif ukoll ir-rebbieħa bejniethom irnexxielhom jiġbru somma sabiħa għall-Istrina.


 


Bħas-snin preċedenti dan l-avveniment qed ikun organizzat taħt il-patronċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella li wkoll ikkonferma li se jkun qed jattendi u jippreżenta t-trofej lir-rebbieħa.


 


47 parteċipant mill-ogħla klassi ħadu sehem fil-ħames heats nhar il-Ħadd 16 t’Ottubru li minnhom ikkwalifikaw 20 li ġrew fis-semi finali tal-Ħadd li għadda. Żewġ semi finali li quddiem pubbliku numeruż taw spettaklu ta’ veloċità fejn anke ġie miksur il-ħin rekord fuq distanza ta’ 2140m meta Ellington Dream misjuq minn Charles Camilleri rreġistra medja ta’ 1’12”9.


 


Il-Ħadd 13 ta’ Novembru żgur li fil-Malta Equidrome se jkun hemm waħda mill-akbar folol tas-sena hekk kif apparti l-istennija ta’ din il-finali jkunu jistgħu jgawdu mill-ispettaklu relatat mal-ġurnata. Filfatt mal-wasla tal-President ta’ Malta se jkun milqugħ mill-kantanta brava rebbieħa tal-Malta Junior Eurovision Song Contest fl-2020 Chanel Monseigneur bil-kant tal-Innu Malti. Wara tnax-il tifel u tifla permezz tal-ponijiet tagħhom se jkunu qed iwasslu lis-sewwieqa finalisti permezz ta’ parata fejn jiġu ppreżentati tifkiriet tal-okkażżjoni lis-sidien u s-sewwieqa.


 


L-isfilata taż-żwiemel finalisti se tkun immexxija mir-rebbieħ tas-sena l-oħra Kasper Trot. Preżenti wkoll il-voluntiera tal-Malta Community Chest Fund Foundation u Solidarjetà bl-Isport sabiex jiġbru d-donazzjonijiet tal-pubbliku b’riżq l-Istrina.


 


Kif jitħabbar ir-rebbieħ, Chanel Monseigneur tkanta diska ta’ ċelebrazzjoni fejn wara ssir il-preżentazzjoni tat-trofej lir-rebbieħa. Ir-rebbieħ se jkun qed inaqqax ismu fuq it-trofew prestiġjuż xogħol l-artist Malta George Muscat li kien ikkummissjunat mill-E.T. il-President Emeritus George Abela fl-2012. Din is-sena t-total ta’ premjijiet li se jitqassmu fil-finali żdid sostanzjalment u huwa dak ta’ €6400 apparti trofej lill-ewwel ħamsa u għata kommemorattiva lir-rebbieħ.


 


Skont it-tradizzjoni f’din il-finali ma tittellax polza għan-numri tal-finalisti iżda jkunu s-sidien stess li jagħżlu skont il-prestazzjoni taż-żwiemel tagħhom waqt is-semi finali.


 


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Coordinator


Malta Racing Club


MRC/23/22