Tuesday 24th May 2022
ame Health & Safety u Malta Equidrome f’kollaborazzjoni għat-Tazza Sette Giugno


It-Tlieta wara nofsinhar waqt konferenza stampa l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome Dr Matthew Brincat ħabbar kollaborazzjoni ġdida mal-kumpanija ame Health & Safety sabiex tiġi organizzata t-Tazza Sette Giugno. L-Avukat Brincat esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jilqa’ lill-ame fi ħdan il-lista ta’ kollaboraturi prinċipali li jsostnu l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet fejn ġie ffirmat kuntratt għal tliet snin. Huwa qal li għalkemm ir-responsabbiltà tal-immaniġjar tal-korsa ilha biss f’idejn l-MRTL ftit xhur, huwa personalment beda jaħdem sabiex jattira kollaboraturi ġodda biex jgħolli l-livell ta’ dan l-isport tant popolari. Is-sostenn finanzjarju mingħand dawn il-kumpaniji tassigura li jiġu organizzati kompetizzjonijiet ta’ livell bi premjijiet adekwati għas-sidien.


 


Waqt il-konferenza stampa tkellem ukoll il-Managing Director ta’ ame health and safety, is-Sur Mario Camilleri li beda billi rringrazzja lil MRTL li wrew il-fiduċja tagħhom lejn il-kumpanija sabiex tkun li sponsor ufficjali. Spjega kif minkejja l-pandemija, il-kumpanija għamlet bidliet kbar fit-teknologija moderna li minnha qegħdin jibbenifikaw il-klijenti kollha fejn ir-rapporti kif ukoll it-taħrig qegħdin isiru f’qasir żmien u s-servizz hu orħos iżda ma naqasx il-kontenut professjonali. Il-Kumpanija tinsab lura anke f’taħditiet ma’ investituri barranin sabiex, mhux biss toffri servizzi barra minn xtutna iżda saħansitra jiġu jinvestu ġewwa pajjiżna. Għalaq billi għamel appell lil dawk li ser ikunu preżenti sabiex jagħtu donazzjoni lil Dar Bjorn. “Għalina, is-saħħa u s-sigurtà tfisser ħajja li ngħixu ta’ kuljum sabiex inħarsu lil xulxin u flimkien naqsmu dak li għandna ma’ min għandu bżonn. Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd sabiex isib ftit ħin u jagħmel l-eżerċizzju kif ukoll jipprattika l-edukazzjoni fis-saħħa u s-sigurtà kif ukoll l-ambjent. Hu awgura lil parteċipanti kollha għal finali sabiħa.


 


Fuq rikjesta speċifika ta’ ame, l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza Sette Giugno qed tkun abbinata ma’ għan filantropiku hekk kif dakinhar tal-finali se jinġabru fondi li se jmorru għal Dar Bjorn li joffru kura lill-pazjenti li jsofru mill-ALS, MS u mard newroloġiku ieħor.


 


Sabiex jassistu fit-tlugħ tal-poloz kien hemm preżenti l-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta s-Sur Max Zammit kif ukoll ir-rappreżentant tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele.


 


L-ewwel edizzjoni tat-Tazza Sette Giugno saret fl-2011 u ġiet organizzata kull sena barra fl-2020 meta minħabba l-pandemija Covid19 il-programm tat-tiġrijiet kien wieħed ridott.


 


 


 


 


 


Għal din il-konferenza stampa kien hemm ukoll preżenti s-sidien taż-żwiemel finalisti sabiex jassistu għall-poloz li ddeterminaw in-numri tat-tluq għaż-żwiemel tagħhom.


 


Il-finali se ssir propju fil-festa tas-Sette Giugno – it-Tlieta 7 ta’ Ġunju u fil-finali se jitqassmu total ta’ 4000 ewro fi premjijiet li jfisser żieda ta’ 67% aktar minn dawk imqassma fl-aħħar ħames edizzjonijiet.


 


Iż-żwiemel finalisti se jkollhom numri personalizzati sabiex jibqgħu tifkira tal-okkażżjoni filwaqt li jitqassmu trofej lill-ewwel erbgħa u r-rebbieħ jingħata wkoll għata kommemorattiva.


 


Il-poloz telgħu hekk:


 


1. ARAW HOSS


2. DARTAGNAN SISU


3. VALENTINO STRIX


4. EAGLE B. BUTCHER


5. RALLY HANS


6. KAPTAH


7. JEFFERSON DOTCOM


8. AROS LINE


9. ANTOINE DU BOURG


10. VINCENT HORSE


11. UNSTOPPABLE


12. GIGANT WELL


 


 Lorraine Cunningham


Media & Communications Executive


Malta Equidrome 


 


 


 


 


ME/01/22