Thursday 2nd December 2021
EquestriMalta Tazza tal-President


Hekk kif wasal kważi fi tmiemu l-istaġun tat-tiġrijiet lokali, nhar it-Tnejn 13 ta’ Diċembru ssir il-finali tat-Tazza tal-President li hi waħda mill-ogħla unuri li sid, żiemel u sewwieq jista’ jirbaħ.


 


L-edizzjoni ta’ din is-sena qed tkun appoġġjata minn EquestriMalta. Dan ħabbru il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-awtorità Max Zammit. EquestriMalta kienet stabbilita reċentament mill-Gvern sabiex tirregola u tissorvelja l-isport ekwestru f’Malta.Hu qal li jinsab sodisfatt li din l-entità se tkun assoċjata ma’ tiġrija li l-għan warajha, apparti l-ispettaklu, huwa li jinġabru fondi b’riżq il-Malta Community Chest Fund Foundation taħt il-patronċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella.


 


Riservata għall-klassi Premier, 37 żiemel ipparteċipaw f’erba’ heats il-Ħadd 14 ta’ Novembru sabiex minnhom 24 għaddew għaż-żewġ semi finali li minħabba l-maltemp nġrew l-Erbgħa l-1 ta’ Diċembru. Interessanti li tlieta mill-finalisti kienu wkoll fil-finali tas-sena l-oħra għalkemm ħadd minnhom ma kien ipplejsja u wieħed saħansitra kien skraċċjat qabel il-finali.


 


Hekk kif inhi t-tradizzjoni, għal din il-finali dejjem ikunu s-sidien li jażlu n-numri li bihom iż-żwiemel jitilqu wara l-karozza dakinhar tal-finali. Din l-għażla ssir skont il-pożizzjoni u l-ħin irreġistrati minn kull żiemel fis-semi finali. Dan il-fatt ikompli jżid fl-ispettaklu peress li kulħadd ikun jixtieq li jkollu l-possibiltà li jagħżel l-aktar numri vantaġjużi.


 


Issa li reġa għandna l-ispettaturi l-Malta Racing Club ħadet ħsieb ukoll biex dakinhar ikollna spettaklu li fih il-protagonisti jkunu t-tfal. Għalhekk sabiex jilqa’ l-President ta’ Malta bl-Innu Malti u anke lir-rebbieħ tat-tiġrija b’diska tal-okkażżjoni se jkollna mistieden liż-żagħżugħ Mychael Bartolo Chircop li apparti milli hu kantant bravu huwa wkoll dilettant tat-tiġrijiet. Ser ikunu wkoll it-tfal li bix-xrieret u ponijiet se jwasslu lill-ġerrejja sabiex jiġu ppreżentati lill-pubbliku u jirċievu tifkira tal-okkażjoni. Mistennija wkoll tkun il-Mini President’s Cup – tiġrija tat-trott bil-ponijiet żgħar misjuqa mit-tfal li jattendu l-Akkademja tat-tiġrijiet fi ħdan il-Malta Racing Club bis-sostenn ta’ SportMalta.


 


Għall-isfilata ta’ qabel it-tiġrija, iż-żwiemel finalisti joħorġu b’għotjien apposta u se jkunu mmexxija mir-rebbieħ tas-sena l-oħra Julio de Luxe. Dawk kollha preżenti kif ukoll is-sidien taż-żwiemel rebbieħa huma mħeġġa jkunu ġenerużi u jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom b’riżq l-Istrina lill-voluntiera ta’ Solidarjetà bl-Isport li se jkunu preżenti dakinhar.


 


Il-preżentazzjoni tat-trofej lir-rebbieħa ssir mill-E.T. il-President ta’ Malta it-Tabib George Vella. Jiġu ppremjati l-ewwel ħames żwiemel u r-rebbieħ jirċievi wkoll għata tal-okkażżjoni kif ukoll iniżżel ismu fuq it-trofew ikkumisjonat mill-E.T. President Emeritus George Abela xogħol l-artist Malti George Muscat. Grazzi għas-sostenn ta’ EquestriMalta t-total ta’ premjijiet li se jiġu mqassma f’din il-finali huwa ta’ €5250.


Fil-preżenza tal-Viċi Chairman tal-Malta Racing Club/EquestriMalta s-Sur Edwin Borg kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta s-Sur Max Zammit, is-sidien għażlu dawn in-numri. Il-ġerrejja qegħdin fil-parantesi:


 


1.     SIR Q.C. (Paul Galea)


2.     GROSS WEIGHT (Noel Baldacchino)


3.     PABLO ANDOVER (Daniel Hili)


4.     DUKE OF MEARAS (Ludvig Ghigo)


5.     ROMANESQUE (Jesmar Gafà)


6.     BARON DE MAJUAG (GianLuca Grech)


7.     GLEN ORD SUPERB (Kurt Saliba)


8.     I WON’T DANCE (Michael Ellul)


9.     VIKING’S TOPLINE (Eugenio Bondin)


10.VAKATO (Chris Grech)


11.KASPER TROT (Rodney Gatt)


12.LIAM DANA (Charles Camilleri)


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Coordinator


Malta Racing Club


 


MRC/08/21