Tuesday 2nd February 2010
Finali tal-iSwedish U*Bet HorseRacing Championship

2 ta' Frar 2010

It-tlugħ tal-poloz tal-U*Bet HorseRacing Championship sar illum it-Tlieta 2 ta’ Frar fl-uffiċini tal-Malta Racing Club il-Marsa. F’dan il-kampjonat li beda fl-10 ta’ Jannar 2010, b’numru ta’ heats, kienu eleġibbli dawk iż-żwiemel kollha li huma mwielda fl-Isvezja u li huma reġistrati mal-klabb. Nhar il-Ħadd 7 ta’ Frar, id-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel ser ikollhom iċ-ċans li jsegwu xejn anqas minn 5 finali li jkopru l-klassijiet kollha. Dawn il-klassijiet huma Copper, Bronż, Fidda, Deheb u Premier.

Waqt it-tlugħ tal-poloz, iċ-Chairman tal-Malta Racing Club, Dr. Matthew Brincat qal li l-klabb huwa kburi li qed jerġa jorganizza dan il-kampjonat għat-tieni sena konsekuttiva. Fl-ewwel edizzjoni tiegħu dan il-kampjonat ta’ xhieda tal-popolarità li jgawdu ż-żwiemel Żvediżi f’pajjiżna. Dr. Brincat kompla billi qal li l-importazzjoni taż-żwiemel Żvediżi f’pajjiżna żdiedet f’dawn l-aħħar snin. Dr. Brincat qal li l-livell tal-prestazzjonijiet fl-istadju tal-heats u s-semi finali kien wieħed għoli ħafna. Dan kollu jawgura finali mill-aktar eċitanti l-Ħadd li ġej fejn il-ħames finali għandhom ikunu kkontestati mill-parteċipanti kollha.

Is-Sur Mario Cassar, Direttur Ġenerali tal-MALTCO LOTTERIES’ qal li huwa jinsab kuntent bir-riżultati u bl-interess muri permezz tal-isponsorship ta’ dan il-kampjonat. U*Bet horseracing ilha topera għal aktar minn sentejn bi trasmissjonijiet diretti tal-aqwa tiġrijiet taż-żwiemel fl-Isvezja li jkunu murija b’mod dirett f’ħafna mill-ħwienet tal-MALTCO LOTTERIES. Dawn it-trasmissjonijiet jistgħu jiġu segwiti mid-dilettanti Maltin f’diversi ħinijiet tal-ġurnata bl-aktar tiġrija popolari tkun il-V75 li tixxandar kull nhar ta’ Sibt. Is-Sur Cassar kompla billi qal li din kienet it-tieni sena fejn il-MALTCO u l-Malta Racing Club qed jaħdmu flimkien biex ikomplu jxettlu l-interess tat-tiġrijiet taż-żwiemel Żvediżi f’Malta.

Wara t-tlugħ tal-poloz kemm is-Sur Cassar u Dr. Brincat irringrazzjaw lill-parteċipanti kollha li ħadu sehem f’dan il-kampjonat filwaqt li awguraw kull suċċess lill-dawk kollha li ser jieħdu sehem fil-finali ta’ nhar il-Ħadd li ġej fil-korsa tal-Marsa.