Thursday 11th February 2010
Finali tal-Kampjonat Assikura fi tmiem il-ġimgħa fil-korsa tal-Marsa organizzat mill-Malta Racing Club

11 ta' Frar 2010

Fi tmiem il-ġimgħa fil-korsa tal-Marsa, il-Malta Racing Club ser ikun qed jorganizza il-finali tal-kampjonat Assikura. Il-kampjonat Assikura huwa avveniment anwali miftuh għal dawk iż-żwiemel li la huma Żvediżi u l-anqas Franċiżi. Fil-fażi tal-heats ħadu sehem aktar minn 50 żiemel. Din il-fażi saret nhar il-Ħadd 31 ta’ Jannar fejn iż-żwiemel ikkompetew biex jgħaddu għal tlett finali li għandhom ikunu ta’ attrazzjoni għall-pubbliku li ser jattendi l-korsa tal-Marsa. L-aktar finali mistennija għandha tkun dik OPEN A. liema finali ser jieħdu sehem fiha dawk iż-żwiemel li jaqgħu fil-kategorija Premier u deheb.

Fi stqarrija uffiċjali maħruġa mill-Malta Racing Club, Dr. Matthew Brincat ic-Chairman tal-klabb irringrazzja lill-aġenzija tal-assikurazzjoni, Assikura talli qed jappoġjaw dan il-kampjonat. Dr. Brincat qal li ż-żwiemel Franċiżi u Żvediżi llkoll għandhom kampjonati riservati għalihom li għandhom l-appoġġ tal-S.E.C.F u l-U*BET rispettivament. Fil-fatt il-finali għaż-żwiemel Żvediżi saru l-Ħadd li għadda. Huwa kompla li l-klabb ħass li huwa opportun li jinħoloq kampjonat għal dawk iż-żwiemel li ma setgħux jikkompetu fil-kampjonati l-oħra u għalhekk għat-tieni sena konsekuttiva qed jiġi organizzat dan il-kampjonat.

Fix-xhur li ġejjin il-Malta Racing Club għandu fi ħsiebu li jorganizza numru ta’ attivitajiet bl-iskop li jkompli jqanqal aktar interess fit-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta. Dan l-isport huwa meqjus wieħed mill-akbar sport f’pajjiżna fejn joffri divirtiment u emozzjoni lil dawk kollha li jsegwu dan l-isport.