Wara waqfa ta’ kważi 4 xhur dovuta għall-pandemija Covid19, nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju se jitkompla l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel hekk kif jibda l-Kampjonat tas-Sajf.
Bi pjaċir inħabbru li għat-tielet sena konsekuttiva il-finali ta’ dan il-kampjonat se jkunu qed jiġu sostenuti finanzjarjament mill-grupp MRTL li huwa l-konsorzju immirat li fil-futur qarib se jkun qed jieħu f’idu l-iżvilupp tal-korsa tal-Marsa.
L-istennija għal dan il-kampjonat hija waħda kbira hekk kif is-sidien u l-ġerrejja ilhom issa jippreparaw iż-żwiemel tagħhom għal diversi ġimgħat u xiehda ta’ dan hija l-kitba qawwija li kien hemm tant li għall-ewwel fażi ta’ dan il-kampjonat se jkunu qed isiru 4 programmi u mhux 3 kif kien previst.
Total ta’ 461 żiemel fosthom 67 ġodda se jiġru fi 32 tiġrija fejn dawn jiġu allokati punti skond l-ordni tar-riżultat uffiċjali. Matul dan il-kampjonat li l-finali tiegħu huma programmati għall-Ħadd 16 t’Awissu, kull żiemel jista jiġri massimu ta’ tliet tiġrijiet. Iż-żwiemel se jkunu qed jiġru f’seba’ kategoriji differenti u dawk iż-żwiemel li jkollhom l-akbar ammont ta’ punti f’kull kategorija jakkwistaw id-dritt li jiġru fil-finali. Kull finali tkun tikkonsisti fi 12 il-żiemel.
It-Tlieta wara nofsinhar kien ikkonfermat li l-pubbliku se jkun jista jattendi għal dawn it-tiġrijiet u għalhekk qed nisperaw li bħal dejjem l-attendenza tkun waħda tajba. Madanakollu l-Kunsill tal-Malta Racing Club ħass li kellu wkoll jieħu ħsieb lil dawk id-dilettanti li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistaw jattendu u għalhekk għall-ewwel darba fl-istorja tat-tiġrijiet lokali t-tiġrijiet se jkunu aċċessibbli fuq il-midja soċjali u s-sit tal-Malta Racing Club ftit minuti wara li tispiċċa t-tiġrija u joħroġ ir-riżultat uffiċjali.
Nixtiequ wkoll niġbdu l-attenzjoni tas-sidien li waqt it-tiġrijiet id-dħul fil-paddock huwa limitat biss għall-ġerrejja u żewġ adulti ma kull żiemel. Infakkru wkoll li kull min jidħol fil-paddock inkluż il-ġerrejja iridu jkunu liebsa il-maskra protettiva.
L-ewwel tiġrija tibda fis-7:00 pm.
Lorraine Cunningham
Public Relations & Media Coordinator
Malta Racing Club
MRC/02/20