Thursday 29th November 2018
Tazza tal-President 2018


Finali Tazza Tal-President


 


Aktar kmieni illum tħabbru l-aħħar dettalji tat-18 il-edizzjoni tat-Tazza tal-President li ser issir nhar is-Sibt 8 ta’ Diċembru. Dan it-tieni l-aqwa avveniment fil-kalendarju tat-tiġrijiet lokali bħal f’dawn l-aħħar snin ser ikun qed jaqa taħt il-Patronċinju ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta u matulu jinġabru fondi b’riżq il-Malta Community Chest Fund Foundation.


 


Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club, Tommy Cunningham qal li l-edizzjoni ta’ din is-sena hija waħda speċjali għax grazzi għall-isponsor Technovet ser tkun qed iġġor l-akbar premju li qatt ingħata waqt dan il-kampjonat fejn jammonta għall-total ta’ €6000 li minnhom ir-rebbieħ ser jieħu €3200. Barra minn hekk ukoll għall-ewwel darba ser ikunu qed jiġu ppremjati l-ewwel ħames t’iżwiemel. S’intendi is-sidien ser ikunu qed jieħdu magħhom ukoll tazzi u r-rebbieħ iniżżel ismu fuq it-trofew prestiġjuż ikkummissjunat mill-President Emeritus George Abela xogħol l-artist George Muscat. Iż-żiemel rebbieħ jingħata wkoll għata kommemorattiva.


 


It-tnax il-finalist qabel it-tiġrija ser joħorġu parata b’għotjien ta’ l-okkażżjoni u din il-parata ser tkun immexxija mir-rebbieħ tas-sena l-oħra Tip Top Nelliere.


 


Bħal dejjem il-Malta Racing Club ħadet ħsieb sabiex tħejji programm varjat għal din il-finali fejn mistennija tonorana bil-preżenza tagħha l-E.T. il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Il-kantanta mistiedna din is-sena hija Destiny Chukunyere rebbieħa tal-Eurovision Song Contest fl-2015.


 


Barra minn hekk it-tfal li jattendu l-Akkademja tat-tiġrijiet ser ikunu qed jipparteċipaw fil-Mini President’s Cup li hija tiġrija bil-ponijiet shetland.


 


Is-Sales Manager tal-kumpanija Technovet Jean Claude Cachia qal li kien ta’ pjaċir għalihom li jabbinaw il-kumpanija tagħhom ma’ kompetizzjoni prestiġjuża bħal ma hi t-Tazza tal-President li apparti li toffri l-ispetakklu tal-kompetizzjoni hija wkoll intenzjonata sabiex jinġabru fondi għall-Istrina. Barra minn hekk il-familja Cachia taf is-sagrifiċċji li jagħmlu s-sidien sabiex jippreparaw iż-żwiemel tagħhom għal din it-tip ta’ kompetizzjoni peress li huma wkoll involuti f’dan l-isport. Huwa awgura lis-sidien u l-ġerrejja kollha li jkollhom tiġrija tajba.


 


Preżenti wkoll kien hemm is-Sinjura Valerie Farrugia f’isem Solidarjeta bl-Isport li faħħret din l-inizjattiva li qalet li ta’ kull sena tiġġenera somma sabiħa li tiġi ppreżentata lill-Istrina. Hija appellat għall-ġenerożita tas-sidien sabiex joffru parti mill-premju tagħhom għax saħqet li t-talbiet li l-Malta Community Chest Fund qed tiffaċja ta’ kuljum minn nies fil-bżonn qegħdin dejjem jiżdiedu. Dakinhar ukoll ikun hemm preżenti l-voluntiera ta’ Solidarjeta’ bl-Isport sabiex jiġbru d-donazzjonijiet mill-pubbliku preżenti.


 


Fl-aħħar ta’ din il-konferenza stampa s-sidien għażlu n-numru li bih iż-żiemel tagħhom kien ser jitlaq fit-tiġrija. Din l-għażla saret skond il-prestazzjoni u l-ħin rreġistrat fit-tiġrija ta’ kwalifikazzjoni.


 


Lista tar-Rebbieħa Preċedenti tat-Tazza tal-President:


 


Sajf 1992         Zito Bob (Tony Tanti)


1992/1993       Sanit (Charles Clifton)


1993/1994       Alto Be (Frencu Cassar)


1994/1995       Major Bill (John Briffa)


1995/1996       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1996/1997       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1997/1998       Captain Trackline (Joseph Scicluna)


1998/1999       Bambin d’Orleans (Philip Giordmaina)


2004                Huit Mars (Michael Seychell)


2010                Lucas Ness (Mario Farrugia)


2011                Livi Cantona (Charles Camilleri)


2012                Mont Cenis Honey (Noel Baldacchino)


2013                Gently di Poggio (Brian Zammit)


2014                Pedro Vici (Johann Axisa)


2015                Vasterbo Paradise (Claudio Refalo)


2016                Uhal Berven (Rodney Gatt)


2017                Tip Top Nelliere (Michael Ellul)


 


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Coordinator


Malta Racing Club


 


MRC/16/18