Wednesday 24th October 2018
Finali Tazza Johnnie Walker


Illum wara nofsinhar waqt konferenza stampa fil-board room tal-Malta Racing Club ingħataw l-aħħar dettalji dwar il-finali tat-Tazza Johnnie Walker filwaqt li ttellaw il-poloz taż-żwiemel finalisti.


 


Il-konferenza stampa kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club Tommy Cunningham flimkien mal-Marketing Manager ta’ M. Demajo Wines & Spirits Ltd Alfred Braddick.


 


Tommy Cunningham f’isem is-sidien irringrazzja lill-isponsor li għas-sitt sena konsekuttiva kien qiegħed jappoġja finanzjarjament dan il-Kampjonat. Huwa qal li din it-Tazza prestiġjuża ilha tagħmel parti mill-istorja tal-Malta Racing Club mill-1939 fejn għalkemm għall-ħafna snin kienet assoċjata maż-żwiemel tal-galopp pero’ meta kienet inawgurata l-korsa l-ġdida, jiġifieri dik kif nafuha llum, l-ewwel kampjonat għaż-żwiemel tat-trot kienet appuntu t-Tazza Johnnie Walker. Dan kien fis-7 ta’ Ġunju 1981 u r-rebbieħ kien Fust misjuq mill-ġerrej leġġendarju Anthony Cassar in-Noqqu. Din hija l-ħames sena konsekuttiva li din it-Tazza qiegħda tkun abbinata maż-żwiemel tat-trot klassi Gold u hekk kif ġara mill-2014 huwa l-ewwel kampjonat wara l-waqfa tas-Sajf.


 


Il-parteċipazzjoni din is-sena reġat kienet waħda akkanita fejn 75 żiemel ikkompetew f’seba’ heats sabiex mit-tliet semi finali sirna nafu minn huma t-tnax li se jipparteċipaw nhar il-Ħadd 4 ta’Novembru. Huwa awgura lis-sidien u l-ġerrejja kollha.


 


Minn naħa tiegħu Alfred Braddick qal li kien ta’ pjaċir għalih f’isem il-kumpanija M.Demajo Wines & Spirits Ltd li għal darb’oħra kien qiegħed jindirizza lis-sidien taż-żwiemel finalisti fl-okkażjoni tal-finali tat-Tazza Johnnie Walker.


 


Filwaqt li awgura lill-parteċipanti kollha huwa ammetta li dan l-appuntament annwali kien wieħed li jistenna b’antiċipazzjoni u japprezza l-atmosfera u l-entużjażmu li jkunu ġġenerati fil-korsa dakinhar tal-finali.


 


Huwa qal li bħal fis-snin preċedenti apparti l-fond tal-premjijiet li jammonta għal total ta’ €1600 u trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet, iż-żiemel rebbieħ jieħu għata kommemorattiva.  Barra minn hekk ma jistax jonqos li s-sidien rebbieħa ikollhom biex jiċċelebraw u għal dan il-Kumpanija M.Demajo Wines & Spirits Ltd kienet ser tagħti flixkun Johnnie Walker Blue Label lir-rebbieħ, Johnnie Walker 18 year old lil tat-tieni, Johnnie Walker Gold Reserve lil tat-tielet u Johnnie Walker Green lil min jispiċċa fir-raba’ post.


 


Fit-tmiem tal-konferenza stampa it-tnax il-sid tellaw polza sabiex saru magħrufa n-numri li bihom ser jitilqu ż-żwiemel wara l-karozza. It-tiġrija hija s-seba’ waħda fil-programm u tibda fl-4:00 pm.


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Coordinator


Malta Racing Club


 


MRC/15/18