Wednesday 2nd November 2016
Finali Tazza tal-President

Illum wara nofsinhar saret konferenza stampa fil-Malta Racing Club rigward il-Finali tat-Tazza tal-President li ser tinġera l-Ħadd 13 ta' Novembru.  Din il-Konferenza stampa kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele u iċ-Chairperson tal-Kumitat Solidarjeta bl-Isport is-Sur Antoine Attard.


 


Għal sena oħra l-Malta Racing Club iddeċieda li jżomm l-appuntament annwali mad-dilettanti kollha billi jorganiżża t-Tazza tal-President taħt il-Patronċinju ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Dan huwa t-tieni l-akbar unur, wara t-Tazza l-Kbira, li żiemel tat-trott jista jirbaħ lokalment u l-edizzjoni ta’ din is-sena hija is-16 il-waħda minn mindu tnediet fis-Sajf ta’ l-1992.


 


Għal darb’oħra ġie deċiż li dan il-Kampjonat jiġi organiżżat qabel il-kampjonat tal-Franċiżi sabiex ikunu jistaw jipparteċipaw iż-żwiemel kollha ta’ l-ogħla klassi. 41żiemel ġrew f’4 heats nhar it-16 t’Ottubru li minnhom ikkwalifikaw 20 għaż-żewġ semi finali li nġrew il-Ħadd li għadda. Bħal dejjem id-distanza hija dik ta’ 2140m.


 


Kif  inhi t-tradizzjoni ta’ din it-tiġrija huma s-sidien stess taż-żwiemel finalisti jew rappreżentanti tagħhom li jagħżlu n-numru tat-tluq wara l-karozza. L-ordni ta’ l-għażla hija skond il-pjazzament u l-ħin reġistrat fis-semi finali.


 


Bħal dejjem il-Kunsill tal-Malta Racing Club jinsisti li sport jista jibqa ħaj u jżied fil-popolarita tiegħu billi jitrawmu tfal minn eta’ żgħira li jitħarġu fid-diversi aspetti u dan isir waqt l-akkademja tat-tiġrijiet li għaliha jattendu tfal minn 7 sa’ 15 il-sena. Il-programm tal-finali tat-Tazza tal-President ikollu bħala protagonisti lil dawn it-tfal u filfatt jieħdu sehem f’tiġrija tal-ponijiet imsejħa l-Mini President’s Cup.


 


Din is-sena wkoll ser ikunu t-tfal ta’ l-Akkademja stess li jwasslu lis-sewwieqa finalisti fuq xrieret bil-ponijiet sabiex jiġu ppreżentati b’tifkira ta’ l-okkażjoni mill-President ta’ Malta. Il-kantanta mistiedna din is-sena hija ż-żagħżugħa Mardy Farrugia li se tilqa lil President ta’ Malta bl-Innu Malti u tkanta d-diska hekk kif jiġi mħabbar ir-rebbieħ.


 


Iż-żwiemel finalisti ser joħorġu parata b’għotjien mogħtija lilhom mill-Malta Racing Club. Imexxi din il-parata żiemel mistieden li sal-ħin ta’ din il-konferenza stampa għadu ma ġiex ikkonfermat.


 


Il-fond tal-premjijiet jammonta għal 3600 Ewro bir-rebbieħ jieħu s-somma ta’ 2025 ewro, għata kommemorattiva u d-dritt li jżomm għal sena it-trofew prestiġjuż xogħol l-artist George Muscat. Jingħataw trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet.


 


S’intendi bħal dejjem din il-Finali ġġorr magħha skop filantropiku dik li jinġabru fondi għall-Istrina fi ħdan il-Community ChestFund. Għal dan il-għan il-voluntiera ser ikunu qed iduru bil-bottijiet sabiex jilqaw id-donazzjonijiet tal-pubbliku. Barra minn hekk aħna nħeġġu wkoll lis-Sidien rebbieħa sabiex bħal dejjem ikunu ġenerużi u jiddonaw parti mill-premju lill-Istrina.


 


 


Fost il-finalisti ta’ din is-sena insibu r-rebbieħ tas-sena 2011 Livi Cantona, Vejby Boom u Nico Oland li spiċċaw fit-3 post fis-snin 2014 u 2015 rispettivament u Quo Williams li spiċċa l-ħames is-sena l-oħra.


 


Iż-żwiemel finalisti u s-sewwieqa tagħhom huma dawn:


 


1. Vejby Boom - Carl Caruana


2. Nico Oland - Julian Farrugia


3. Ouch - Paul Galea


4. Uhal Berven - Rodney Gatt


5. Midsummer King - Noel Baldacchino


6. Quo Williams - Charles Camilleri


7. Ricky Rock - Mario Farrugia


8. Ramses de Vaudon - Redent Magro


9. Royal de Vaiges - David Ellul


10. Livi Cantona - Mario Fenech


 


Lista tar-Rebbieħa Preċedenti tat-Tazza tal-President:


 


Sajf 1992         Zito Bob (Tony Tanti)


1992/1993       Sanit (Charles Clifton)


1993/1994       Alto Be (Frencu Cassar)


1994/1995       Major Bill (John Briffa)


1995/1996       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1996/1997       Huggie Hanover (Raymond Clifton)


1997/1998       Captain Trackline (Joseph Scicluna)


1998/1999       Bambin d’Orleans (Philip Giordmaina)


2004                Huit Mars (Michael Seychell)


2010                Lucas Ness (Mario Farrugia)


2011                Livi Cantona (Charles Camilleri)


2012                Mont Cenis Honey (Noel Baldacchino)


2013                Gently di Poggio (Brian Zammit)


2014                Pedro Vici (Johann Axisa)


2015                Vasterbo Paradise (Claudio Refalo)


 


 


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 


 


MRC/09/16