Monday 30th May 2016
Tigrijiet Internazzjonali tan-Nisa

Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju fil-Korsa tal-Marsa ser ikun hemm avveniment Internazzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ sewwieqa nisa li ġejjin minn 11 il-pajjiż Ewropew inkluż Malta. Għal dan il-għan il-Kunsill tal-Malta Racing Club iddeċieda li d-dħul fil-korsa għan-nisa kollha ser ikun b’xejn.


 


L-isport tat-tiġrijiet f’Malta għadu ddominat mill-irġiel għalkemm fl-Ewropa tiġrijiet għan-nisa nkluż dawk Internazzjonali isiru fuq bażi regolari. Din hija r-raba’ darba li l-Malta Racing Club qed jorganiżża dan it-tip ta’ avveniment bl-edizzjonijiet ta’ qabel isiru fl-2011, 2012 u 2014 fejn dejjem kienu suċċess.


 


Din is-sena għall-ewwel darba għandna 11 il-sewwieqa li ġejjn minn 10 pajjiżi differenti u magħhom tingħaqad ir-rappreżentanta Maltija Laura Cunningham li ssuq regolarment fit-tiġrijiet organiżżati mill-Malta Racing Club u għandha esperjenza konsiderevoli f’dawn it-tip ta’ tiġrijiet meta diġa rrappreżentat lil pajjiżna 13 il-darba f’tiġrijiet organiżżati l-Isvezja, l-Estonia, Danimarka, l-Olanda, Fillandja u n-Norveġja.


 


L-avveniment ta’ din is-sena ma kienx ikun possibli mingħajr l-għajnuna finanzjarja ta’ Sport Malta li anke għenu fl-organiżżazjoni. Grazzi wkoll għas-sidien kollha li kitbu ż-żwiemel tagħhom għal dawn it-tiġrijiet.


 


It-12 il-sewwieqa ġejjin mill-Awstrija, Danimarka, Estonia, Fillandja, Franza, l-Italja, Norveġja, Olanda, Svezja, Ungerija u Malta. Ser isuqu f’żewġ tiġrijiet għall-klassijiet Silver u Bronze fuq distanza ta’ 2140m. Is-sewwieqa u s-sid rebbieħ jingħataw trofew filwaqt li ż-żiemel jieħu għata.


 


Qabel isuqu, it-12 il-sewwieq jiġu ppreżentati lill-pubbliku and wara d-daqq ta’ l-innijiet nazzjonali jiġu ppreżentati b’tifkira ta’ parteċipazzjoni mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żagħżagħ u Sport l-Onorevoli Chris Agius fil-preżenza tac-Chairman ta’ Sport Malta l-Onorevoli Luciano Busuttil u is-CEO Mark Cutajar kif ukoll ic-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg.


 


Apparti t-tiġrijiet ġie mħejji programm ta’ ospitalita għall-parteċipanti u dawk li qed jakkumpanjawhom li jinkludi ġurnata Għawdex fejn barra li ħa jżuru diversi siti kulturali ser jagħmlu żjara ta’ kortesija lic-Chairperson tal-Gozo Horse Racing Association is-Sinjura Mary Mifsud.


 


Il-pubbliku in ġenerali huwa mħeġġeġ sabiex il-Ħadd wara nofsinhar jiġi l-korsa tal-Marsa sabiex jagħti s-sostenn tiegħu għal dan l-avveniment internazzjonali.


 


Fl-istess ġurnata ikun hemm ukoll tiġrija oħra mportanti li hija s-Sette Giugno Cup li fiha ser jieħdu sehem 10 t'izwiemel tal-Klassi Premier.  Din it-tiġrija qed tkun sponsorjata minn Chukkas Restaurant.


 


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club