Friday 11th December 2015
Tigrijiet PMU

Nhar il-Ħadd li ġej, Jum ir-Repubblika, fil-korsa tal-Marsa ser ikollna wieħed mill-aktar programmi mistennija matul l-istaġun. Dan għaliex apparti li jikkonsisti minn ħames finali tal-Kampjonat Le Trot sponsorjat mill-Assoċjazzjoni Franċiża tat-Trott għal żwiemel Franċiżi, tlieta minn dawn il-finali ser ikunu fuq sistema PMU jiġifieri ser jiġu trasmessi dirett madwar l-Ewropa u l-Amerika u jsir il-logħob fuqhom minn dawn l-istess pajjiżi.


Din hi t-tielet darba li qed ikollna dan it-tip ta’ programm fejn kien kellna tliet tiġrijiet PMU fl-14 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra u erbgħa tiġrijiet fis-7 ta’ Ġunju li għadda.


L-ewwel tiġrija l-Ħadd tibda fit-3:10 pm u l-ewwel ħames tiġrijiet huma normali fuq distanza qasira ta’ 1640m. L-ewwel finali, għall-Klassi Copper tibda fil-5:15 p.m. u tkun segwieta minn dik għall-Klassi Bronze. L-aktar finali mportanti u mistennija tkun dik riservata għall-ogħla klassi – l-Prix de Vincennes u tkun ukoll l-ewwel tiġrija PMU li mistennija tibda fis-6:15 pm. Warajha jsiru ukoll il-finali tal-klassijiet Gold u Silver li huma wkoll tiġrijiet PMU. F’dan il-programm ser jitqassmu total ta’ €26,405 fi premjijiet minbarra it-trofew lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erbgħa postijiet fil-ħames finali.


Għal din l-okkażżjoni il-Malta Racing Club, bil-kollaborazzjoni tal-PMU, ser ikunu qed joffru diversi promozzjonijiet.  Kull minn jidħol il-korsa ser jingħata loyalty card sabiex tintuża fit-Tote tal-Malta Racing Club. Għal kull imħatra trio jew forecast li tintlagħab il-kaxxiera tittimbra kaxxa minn din il-loyalty card.  It-timbri jissarfu fi premjijiet promozzjonali bħal pinen, brieret, basktijiet, nuċċalijiet tax-xemx u imħatri b’xejn. Barra minn hekk kull min jimla l-card kollha jidħol biċ-ċans li jirbaħ waħda minn għaxar trombi.


Dawk kollha preżenti ser ikollhom ukoll iċ-ċans li jesperjenzaw kif tinstaq tiġrija fil-korsa ta’ Vincennes. Dan billi għal dak inhar ser ikun hemm fil-korsa nuċċali apposta li n-nies jistaw jippruvaw filwaqt li jkunu rikba fuq serkin. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jieħu vantaġġ minn din l-esperjenza unika.


Matul il-programm tal-Ħadd ser ikun hemm preżenti l-voluntiera ta’ Solidarjeta’ bl-Isport sabiex jinġabru fondi għall-Istrina.  Inħeġġu lil kulħadd sabiex ikun ġeneruż.  Ser tiġi wkoll irkantata l-libsa tas-sewwieq ta’ fama mondjali Jos Verbeeck. Nawguraw li din tmur għal somma sabiħa. L-offerti jibdew minn €500 u l-flus kollha miġbura ser imorru għall-Istrina.


Lorraine Cunningham


Public Relations & Media Officer


Malta Racing Club


 MRC/22/15